gov.mt

PR261653

PR261653

07/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AKKOMODAZZJONI U L-ARTIJIET Progress sostanzjali fil-proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali b’267 appartament f’Ħal Farruġ

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici żar il-proġett ġdid ta' akkomodazzjoni li qed isir f'Ħal Farruġ u li permezz tiegħu se jkunu qed jinħolqu 267 appartament ġdid ta' akkomodazzjoni soċjali.

Il-proġett, li jkopri medda ta' madwar 10,000 metru kwadru, jirrappreżenta investiment ta' madwar €45 miljun u se jinkludi appartamenti ta' kamra tas-sodda waħda, żewġ kmamar tas-sodda u tliet kmamar tas-sodda, flimkien ma' madwar 300 garaxx u spazju għall-parkeġġ.

Waqt iż-żjara, il-Ministru Bonnici segwa mill-qrib il-progress li sar fuq dan il-proġett, li jkompli jsaħħaħ l-investiment f'akkomodazzjoni ta' kwalità u joffri aktar opportunitajiet għal familji vulnerabbli biex ikollhom saqaf sigur u dar li ttihom dinjità.

“Id-dar mhijiex sempliċiment erba' ħitan. Hija s-sigurtà, l-istabbiltà u l-post fejn familja tibni l-ħajja tagħha. Għalhekk, investiment ta' din il-kobor huwa investiment dirett fil-familji u fil-futur tagħhom," qal il-Ministru Bonnici.

Il-proġett huwa parti mill-ħidma kontinwa biex jinħolqu spazji residenzjali ta' kwalità li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-familji u tal-komunità u iktar familji vulnerabbli jingħataw l-għajnuna li għandhom bżonn.​​

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm is-Segretarju Permanenti Ramon Deguara, il-Kap Eżekuttiv tal-Malita Marlene Attard, iċ-Chairman tal-Awtorità tad-Djar Robert Ducker, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Matthew Zerafa, is-Sindku ta' Ħal Luqa John Schembri u membri tal-Kunsill Lokali ta' Ħal Luqa.

​